PANIĠIERKU SAN DUMINKU 2009
SAN DUMINKU U L-GRAZZJA TAL-PREDIKAZZJONI
“Jiena ma nistħix mill-Evanġelju; għax l-Evanġelju hu qawwa ta’ Alla għas-salvazzjoni ta’ dawk kollha li jemmnu.”
(Rumani 1:16)
Din is-silta nistgħu ngħidu li tiġbor fiha l-messaġġ ewlieni li ried iwassal San Pawl lir-Rumani. Fiha huwa ried jurina erba’ ħwejjeġ essenzjali:
1. Alla joffri s-salvazzjoni permezz ta’ l-Evanġelju.
2. Din is-salvazzjoni tinkiseb permezz tal-fidi.
3. Din is-salvazzjoni permezz tal-fidi tiġi offruta lil kull bniedem mingħajr distinzjoni ta’ razza, lewn, qagħda soċjali, jew kultura.
4. Din is-salvazzjoni mhijiex xi ħaġa ġdida li tmur kontra dak li hemm miktub fil-Patt il-Qadim imma taqbel perfettament miegħu u twasslu għall-perfezzjoni.[1]
L-Evanġelju għandu fih il-qawwa li ssalva. Il-fidi, li tiġi mis-smigħ tal-istess Evanġelju, hija l-fus li madwaru ddur il-ħajja tan-nisrani. Fiha hemm il-bidu u t-tmiem ta’ kollox. Hija proprju l-fidi li tiġi mis-smigħ ta’ din il-Kelma ta’ Alla li tagħmilha possibbli għal Alla li jħarreġ il-qawwa tiegħu fil-milja kollha tagħha.
L-Evanġelju mhuwiex ideoloġija politika, mhuwiex teorija filosofika. L-Evanġelju huwa l-istorja tas-salib. Hu minħabba f’hekk li l-qawwa ta’ Alla turi ruħha fl-Evanġelju u tagħmel is-salvazzjoni realtà għal kull min jemmen. Din l-istess salvazzjoni tingħata lilna bil-grazzja tal-predikazzjoni ta’ Kristu Msallab li, għal dawk li huma msejħin, “huwa l-qawwa ta’ Alla u l-għerf ta’ Alla.”[2]
Il-grazzja tal-predikazzjoni ġiet afdata minn Kristu lill-Appostli meta fl-aħħar dehra glorjuża tiegħu huwa wissihom bil-kliem: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu.”[3] U għalhekk id-dmir ta’ min jintbagħat jipprietka huwa li jwettaq il-Kelma ta’ Alla li laqa’ u li sama’ billi jxandarha u jgħixha.
Fl-istorja tas-salvazzjoni, meta Alla jagħti missjoni partikulari, aktar u aktar jekk din tkun waħda ta’ predikazzjoni, huwa ta’ sikwit isieħeb magħha l-kliem: “La tibżax, għax jien miegħek.” Din l-esperjenza għexha l-Poplu ta’ Alla u għexuha l-Profeti fil-Patt il-Qadim.[4] Għexha wkoll San Pietru flimkien mal-Appostli.[5] Kienet ukoll l-esperjenza ta’ Marija hi u tisma’ l-Anġlu jtenni dawk il-kelmiet ta’ faraġ li bihom ġiet imhejjija għall-missjoni tagħha, missjoni li qalbitilha ħajjitha ta’ taħt fuq u li biddlet għal kollox l-istorja tagħna l-bnedmin.[6] Għexha wkoll San Pawl hu u jistenna li jmur Ruma biex jiġi ġudikat minn Ċesari.[7]
Il-missjoni li tipprietka, li xxandar il-Bxara t-Tajba tas-Salvazzjoni, hija waħda li titlob li jkollha magħha l-kuraġġ. Din il-virtù hi wkoll grazzja minn Alla għaliex huwa Alla li jwettaq il-predikazzjoni bix-xhieda ta’ ħajja qaddisa. Huwa għalhekk li San Pawl jistqarr mal-Filippin: “Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini.”[8]
Imma xi tfisser “il-grazzja tal-predikazzjoni”? Hija don u hija sejħa li jgħixu dawk kollha li l-Ispirtu ta’ Alla jitkellem fihom u permezz tagħhom. Dawk li dwarhom Ġesù jistqarr: “Mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu ta’ Missierkom li jkun qiegħed jitkellem permezz tagħkom.”[9] Għalhekk mhijiex kwestjoni ta’ ħila biex tqiegħed il-kliem, imma li xxandarha bl-awtorità mogħtija lilek mill-Ispirtu ta’ Alla.
Imma hawnhekk wieħed għandu mnejn jistaqsi: “Kif nista’ jien nipprietka lil ħaddieħor meta fl-istess waqt naf li jien bniedem dgħajjef u mimli ħtijiet? Din kienet il-mistoqsija li għamel il-Profeta Isaija huwa u jikkontempla l-glorja ta’ Alla: “Jaħasra għalija! Mitluf jien! Bniedem b’xufftejn imniġġsa jien!”[10]
It-tweġiba hi li l-qawwa tal-kelma ta’ min ixandar tinsab fil-qawwa ta’ Alla; il-kuraġġ ta’ kliemu huwa l-milja ta’ Alla fih. Il-grazzja ta’ Alla hija l-qofol ta’ kull storja ta’ vokazzjoni. Mhux ta’ b’xejn li San Pawl jiftaħar mal-Korintin u jistqarr: “Bil-grazzja ta’ Alla jien dak li jien u l-grazzja tiegħu fija ma sfatx fix-xejn.”[11] U jissokta jfaħħar lit-Tessalonkin talli laqgħu il-Kelma “mhux bħala kelma ta’ bniedem, iżda bħala kelma ta’ Alla kif tassew hi.”[12]
Il-frażi “il-grazzja tal-predikazzjoni” hi l-isbaħ tifsira li wieħed jista’ jagħti lis-sejħa ta’ San Duminku kif ukoll tal-ħsieb tiegħu li jwaqqaf l-Ordni tal-Predikaturi u jxerrdu sat-truf l-art kollha. Waħda mill-egħżeż antifoni li għandna fit-tradizzjoni dumnikana tmur issejjaħlu Xandâr tal-Grazzja.
Tabilħaqq il-Papa Onorju III, f’waħda mill-ħafna ittri li kiteb lil San Duminku u lil ħutu reliġjużi, fisser il-għan ta’ l-Ordni b’dawn il-kelmiet:
Dak li dejjem ikabbar il-Knisja tiegħu b’ulied ġodda, billi ried jaġġorna ż-żminijet tal-lum ma’ dawk tal-imgħoddi, u fl-istess ħin ikompli jxandar il-fidi kattolika, qanqal fikom l-imħabba qaddisa biex, filwaqt li tħaddnu l-faqar u l-ħajja regulari, tkunu tistgħu tingħataw għall-predikazzjoni, billi tmorru xxandru mad-dinja kollha l-isem tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu.[13]
Għalhekk sa mill-bidu hu magħruf li l-Ordni twaqqaf “għall-predikazzjoni u s-salvazzjoni tal-erwieħ”.[14] Dan il-għan beda jitwettaq nhar il-15 t’Awwissu 1217 meta San Duminku laqqa’ l-komunità tiegħu li kienet għadha tgħix u taħdem ġewwa Toloża u li ma kinitx tgħodd aktar minn tmintax-il membru u xerridha mal-ibliet ewlenin tal-Ewropa. Meta l-Aħwa staqsewh x’kellha tkun il-missjoni tagħhom f’dawn l-ibliet, huwa weġibhom: “Morru pprietkaw, studjaw, u waqqfu djar.”
Il-predikazzjoni li kien qieghed jirreferi għaliha San Duminku ma kinitx biss kliem ta’ tħeġġiġ għall-penitenza jew għall-konverżjoni jew għal ħajja aktar devota. Kienu jeżistu diġà movimenti għal dan il-għan. Huwa ried li l-predikazzjoni tkun tabilħaqq xandir tal-Kelma ta’ Alla ġejja minn imħabba kbira u qawwija għall-Kotba Mqaddsa. Huwa ried iwieġeb għall-ħtiġijiet tal-Knisja li tagħti formazzjoni duttrinali u morali lill-kleru u lil-lajċi.
Għalhekk sa mill-bidu huwa saħaq dwar il-ħtieġa tal-istudju. Waqt li kienu għadhom ġewwa Toloża huwa bagħat lill-Aħwa biex jattendu l-klassijiet tat-teologu Ingliż Alexander Stavensby li kien qiegħed jgħallem fl-iskola kattidrali ta’ dik il-belt. Il-ħsieb tiegħu ma kienx li l-Aħwa juru kemm huma għorrief u kemm jafu ħwejjeġ imma li l-istudju jservi bħala għodda għall-predikazzjoni tal-Kelma ta’ Alla, sabiex din ta’ l-aħħar tiġi imfissra kif għandu jkun għall-ġid u għas-salvazzjoni tal-erwieħ.
Għal dan il-għan San Duminku ried li l-għatx għall-istudju jiġi msoqqi bit-talb. Biex inkun aktar ċar, huwa ried li l-istudju jkun talba u t-talb ikun studju. Huwa għaraf li l-Kelma ta’ Alla trid tinqara bl-umiltà, b’qalb miftuħa u b’fidi ħajja li tidħol fil-qalba tal-misteru tal-imħabba ta’ Alla. G£all-Predikatur, bħal fil-kas tal-Profeta, l-ewwel mistoqsija li jrid jagħmel mhijiex “x’sa ngħid?” imma “x’inhu jgħid Alla?”, u mbagħad: “X’iridni ngħid Alla?” B’hekk biss tkun tista’ tabilħaqq tipprietka u tg£allem.
San Duminku kien jistudja t-test ta’ l-Iskrittura, kien jagħti qima lill-Kelma ta’ Alla, u kien jidħol fil-qalba tal-messaġġ tagħha permezz tat-talb u tal-meditazzjoni. Huwa għalhekk li fuq l-eżempju ta’ dan il-qaddis, id-Dumnikan iħaddan il-prin?ipju li min jistudja tajjeb jitlob tajjeb ukoll, u min jitlob tajjeb jistudja tajjeb. Aktar ma’ tistudja l-Kelma ta’ Alla aktar titħeġġeġ fit-talb, u aktar ma titħeġġeġ fit-talb aktar tkun trid tagħraf lil Alla permezz tal-istudju tal-Kelma tiegħu.
Imma dan kollu ma jistax iseħħ jekk bħala pedament ma jkollokx ħajja komunitarja b’saħħitha. Minħabba f’hekk l-kunventi tagħna huma essenzjalment Sacra Praedicatio – il-Predikazzjoni Qaddisa ta’ Sidna Ġesù Kristu. Minħabba f’hekk, sa mill-ewwel żminijiet ta’ l-Ordni l-predikatur li joħroġ jipprietka kien jaf li din il-ħidma tiegħu qegħda tiġi mitmugħa mill-komunità li qed tħares l-ambjent li jwassal għall-frott mixtieq fil-predikazzjoni tiegħu.
Imma din il-grazzja tal-predikazzjoni twettqet fl-Ordni tagħna għaliex qabel kollox tnisslet fil-qalb u fil-ħidma ta’ San Duminku. Tajjeb għalhekk li nagħtu ritratt spiritwali ta’ dan il-qaddis. Min kien San Duminku għal dawk li kienu qrib tiegħu u li ħadmu flimkien miegħu?
Ritratt spiritwali
Ma kienx ikun possibbli għal San Duminku li jwettaq din il-ħidma li kieku ma kienx il-ħin kollu f’għaqda ma’ Alla u mħeġġeġ biex jiltaqa’ ma’ ħutu l-bnedmin. Il-Beatu Ġordan ta’ Sassonja, l-ewwel suċċessur ta’ San Duminku fit-tmexxija ta’ l-Ordni li waqqaf, jagħtina xhieda tal-istat tiegħu meta jikteb:
Bil-lejl ħadd daqsu ma kien idum jishar fit-talb. Kien iħalli l-biki għal filgħaxija u l-ferħ għal filgħodu. Il-jum kien jagħtih lill-proxxmu u l-lejl lil Alla, għax kien jaf li l-Mulej jibgħat bin-nhar il-ħniena tiegħu u bil-lejl il-ferħ[15]
It-talba tiegħu kienet taħdita waħda u kontinwa mal-Mulej. Ta’ sikwit, waqt vjaġġ kien idur fuq sħabu u jgħidilhom: “Ejjew naħsbu fis-Salvatur tagħna.” Mhux ta’ b’xejn li l-Beatu Anġeliku mar pinġa f’dak l-affresk majestus li jżejjen il-kjostru tal-kunvent ta’ San Marku ġewwa Firenze lil San Duminku għarkopptejh f’riġlejn is-salib, idejh imqabbdin mal-għuda imċappsa bid-demm iċarċar ta’ l-Imsallab, filwaqt li għajnejh iħarsu ’l fuq jiltaqgħu ma’ dawk ta’ Kristu. Il-ħarsa ta’ Ġesù hi waħda ta’ paċi, ta’ wieħed li qiegħed imut mewta hienja, filwaqt li l-wiċċ tal-qaddis huwa mimli niket u wġigħ huwa u qiegħed jieħu fuqu t-tbatija tal-Feddej. Ifakkarna f’dawk il-kelmiet sbieħ ta’ San Pawl lill-Galatin: “Issallabt ma’ Kristu. Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu.”[16]
Għal San Duminku Kristu Msallab kien l-akbar, l-isbaħ, u l-egħżeż wirt. Aħna llum nagħmlu minn kollox biex inwarrbu din il-kontemplazzjoni tal-imħabba ta’ Alla. Nibżgħu mis-salib għax dan jikxfilna d-dgħufija tagħna, u ninsew li Kristu, Alla magħmul bniedem, sar dgħajjef bħalna u għalina. Qegħdin inneżżgħu s-salib minn kull tifsira.
San Pawl tkellem dwar Kristu Msallab bħala “skandlu għal-Lhud u bluha għall-Griegi.”[17] Ta’ min jistaqsi hawnhekk il-lum jekk hux qiegħed isir skandlu u bluha għalina wkoll. Meta nwarrbu lil Kristu Msallab inkunu qegħdin inqisu lil Alla bil-kejl tagħna; irridu nsawruh skond ix-xbieha tagħna għall-kuntrarju ta’ Alla li sawwarna xbieha tiegħu. Għax liema hu l-akbar ġieħ: li nqisu ’l Alla bil-kejl tagħna, jew li Alla jqisna bil-kejl tiegħu?
Fil-ħajja ta’ San Duminku dan it-tisħib fit-tbatija ta’ Kristu kien isib il-qofol tiegħu fiċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija. Il-Beatu Ġordan jikteb li “kien iqaddes tista’ tgħid kuljum”,[18] ħaġa rari ħafna għal dawk iż-żminijiet. Dan il-kittieb jissokta jgħidilna li waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa kien ixerred id-dmugħ. Għalina llum aħbar bħal din bilkemm ma tlissinx tbissima jew xi kumment sarkastiku imma, jekk neħduha fid-dawl tal-fidi, inkunu nistgħu nagħrfu t-tifsira qawwija li fih dan id-dettall.
San Duminku kien jagħraf tabilħaqq li fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa kien qiegħed fil-preżenza ta’ Alla. Huwa kellu sens profond tas-sejħa saċerdotali tiegħu. Quddiem Kristu preżenti fl-Ewkaristija ma setax ma jtennix dik l-istess stqarrija ta’ fidi li għamel San Tumas l-Appostlu quddiem Kristu Rxoxt: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi.”[19]
Dan id-djalogu kontinwu ma’ Kristu kien jissokta jissaħħaħ bil-Kelma ta’ Alla, l-aktar permezz tal-Evanġelju skont San Mattew u l-Ittri ta’ San Pawl. Kien iġorrhom il-ħin kollu miegħu u kien jafhom bl-amment,[20] mhux biex jirrepeti kelma b’kelma dak li hemm fihom, imma biex jagħraf aktar il-preżenza ta’ Alla.
Għal din ir-raġuni fi żmienu l-Iskrittura kienet tissejjaħ Sacra Pagina, il-paġna qaddisa. Fiha kien jagħraf “x’inhu l-wisa’ u t-tul, l-għoli u l-fond [tal-misteru ta’] l-imħabba ta’ Kristu”, bħalma nsibu miktub fl-Ittra lill-Efesin.[21] Fi kliem Fra Bonaventura ta’ Verona, wieħed minn dawk li xehdu fil-proċess tal-kanoniżżazjoni ta’ San Duminku ġewwa Bolonja, dan il-qaddis “kien dejjem jixtieq jiddiskuti, jitħaddet jew jaqra dwar Alla, jew jitlob waqt li qiegħed jivvjaġġa.”[22]
Il-familjarità tiegħu mal-Evanġelju kienet iġġagħlu jissieħeb ma’ dawk kollha li kienu jissemmew fih. Mhux ta’ b’xejn li l-Beatu Ġordan kien isejjaħlu “bniedem evanġeliku”.[23] Diġà meta kien għadu sottopirjol tal-kapitlu tal-kanonċi ġewwa Osma kien jara f’din il-komunità mera tal-komunità tal-Appostli miġbura madwar Ġesù l-Imgħallem tagħha.
Fir-Regola ta’ Santu Wistin li kien iħaddan bħala kanonku – u li wara ntagħżlet biex tkun ir-Regola li fuqha jissawwru l-Kostituzzjonijiet ta’ l-Ordni li kellu jwaqqaf – hemm miktub li l-ewwel għan li għaliha tinġabar komunità hi li l-membri tagħha jgħixu għalenija, ħalli jkollhom ruħ waħda u qalb waħda fil-Mulej.[24]
Huwa ried li l-Aħwa Predikaturi, bħall-Appostli qabilhom, jingħataw “għat-talb u għall-ministeru tal-Kelma.”[25] Permezz ta’ dawn iż-żewġ elementi huma kellhom jinterċedu għad-dinja.
San Duminku qatt ma nqata’ minn mal-poplu li Alla fdalu f’idejh. Id-djalogu ma’ Ġesù fit-talb tiegħu tul il-lejl kellu bħala għan tiegħu s-salvazzjoni ta’ dawk kollha li għalihom is-Salvatur tagħna miet fuq is-salib: ħutu fl-Ordni, il-kleru, il-lajċi, il-Lhud, il-Musulmani, il-pagani, dawk kollha li tbiegħdu mit-triq tas-sewwa. Dawn kollha kienu l-oġġett ta’ l-attenzjoni tiegħu fit-talb.
Ta’ sikwit l-Aħwa kienu jisimgħuh jitniehed fit-talb huwa u jgħid: “Mulej, ikollok ħniena mill-poplu tiegħek. X’sa jsir minnhom il-midinbin?”[26]
Imma San Duminku kien ukoll bniedem li kien iħobb il-kumpanija tal-bnedmin, l-ewwel dik ta’ ħutu; tal-ġirien, li mingħandhom kien jittallab il-ħobż għall-komunità; tal-pellegrini, li magħhom kien jiltaqa’ fit-triq huma u sejrin lejn Ruma jew lejn xi santwarju ieħor magħruf (bħal dak ta’ Santiago de Compostela); tal-morda li kien imur iżur.
Ma’ dawn kollha kien jieqaf biex jipprietkalhom il-Kelma ta’ Alla. Kien iħoss ruħu familjari ma’ kulħadd. Kien ċar u sempliċi fil-kelma u fl-imġieba tiegħu. Fuq hekk il-Beatu Ġordan jistqarr li:
Ma’ kulħadd kien iġib ruħu bi ħlewwa liema bħalha, u billi kien iħobb lil kulħadd, kulħadd kien iħobb lilu. Il-kelma ta’ l-Appostlu għamilha tiegħu: jifraħ ma’ min jifraħ, jibki ma’ min jibki (Rum. 12:15). Kellu qalbu mfawra bil-ħniena, u kien jingħata kollu kemm hu biex jgħin lill-proxxmu u jieqaf mal-imsejknin.[27]
Kien ibati jara tant nies imorru wara tagħlim li, mhux biss jgħawweġ il-Kelma ta’ Alla, imma wkoll li jġib il-firda fi ħdan il-Knisja. Din għalih kienet ġerħa doppja, għaliex l-ereżija hija dnub kontra l-virtù tal-fidi filwaqt li l-firda hija dnub kontra l-virtù ta’ l-imħabba, bħalma kellu jikteb tant tajjeb aktar tard San Tumas t’Akwinu.[28]
Il-predikazzjoni tiegħu kienet tmur lil hinn minn sempliċement diskors. Huwa kien ifittex li jkellem lill-qalb ta’ dawk li magħhom kien jiltaqa’. Kien irid jisma’ dwar il-ferħ u n-niket tagħhom, il-biżgħat u t-tamiet li kellhom f’qalbhom. U dan igħodd ħafna għalina llum.
Bosta drabi nindunaw (għalkemm mhux dejjem huwa l-kas għax il-malizzja wkoll teżisti, u teżisti sew!), li ċ-ċaħda tal-fidi nisranija mhijiex daqstant għajta ta’ rabja, daqs kemm hi karba ħierġa minn qalb muġugħa u mnikkta.
Bniedem ta’ faraġ
Għalhekk San Duminku kien ukoll bniedem ta’ faraġ. Hu nnifsu kien jaf xi tfisser il-ħtieġa tal-faraġ. Ma ninsewx li għal seba’ snin sħaħ, bejn l-1207 u l-1214. huwa kien spiċċa waħdu jipprietka fin-nofsinhar ta’ Franza: Beziers, Carcassonne, Toloża, Montpellier, u Prouille. Kienu artijiet li fihom kienet taħkem nixfa spiritwali kbira, fejn ix-xewk tal-ereżija kienu nisslu għeruq sodi u fil-fond, u ċert li ħadd ma kien sejjer jifrixlu t-tapit l-aħmar huwa u għaddej minn dawn l-ibliet. Kellu jissaporti t-tgħajjir, iż-żebliħ, il-bibien imsabbta f’wiċċu, is-sarkażmu, u t-theddid.
Hawnhekk b’xi mod nistgħu nagħmlu paragun ma’ dak li qiegħed jiġri fi żmienna, fejn l-aktar ħwejjeġ għeżież għall-fidi tagħna jiġu mwaqqa’ għaż-żufjett f’isem il-libertà ta’ l-espressjoni; fejn, għax tgħallem il-veritajiet tal-fidi nisranija, tiġi akkużat li qiegħed timponi fuq ħaddieħor; fejn, għax tgħallem kif għandha tkun l-imġieba nisranija, tiġi akkużat li qiegħed toħnoq il-libertà tal-ħsieb.
Minn dan għandna nisiltu tagħlima għal żminijietna. Bħala nsara, bħala komunità nisranija, bħala Knisja, għandna sehem mill-missjoni tal-profeti u ta’ l-Appostli biex, fuq l-eżempju tagħhom, inkunu l-kuxjenza tas-soċjetà li fiha ngħixu.
F’ċirkustanzi bħal dawn li għadni kemm semmejt kienet tentazzjoni kbira għal San Duminku li jaħseb biex jerġa’ lura lejn il-kwiet tal-kjostru tal-kattidral ta’ Osma fejn, bħala sottopirjol kien maħbub u miġjub minn kulħadd; kienet kbira t-tentazzjoni li jistaqsi lilu nnifsu: “Imma jien x’qiegħed nagħmel hawn?” F’dawn il-waqtiet ta’ niket, li għal bniedem ta’ fidi żgħira setgħu iwasslu għal qtigħ il-qalb (jekk mhux ukoll għad-disperazzjoni), huwa għamel tiegħu l-kliem ta’ San Pawl lil Timotju: “Aqsam miegħi t-tbatija għall-Evanġelju, u afda fl-imħabba ta’ Alla… għax jiena naf f’min emmint”.[29]
Kienu dawn is-sentimenti li nisslu l-qawwa fil-qalb ta’ San Duminku kif ukoll il-konvinzjoni li m’hemmx glorja mingħajr tbatija, bħalma wriena Sidna Ġesù Kristu nnifsu fil-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni. Għalhekk kien jaf tajjeb xi tfisser it-tbatija, in-nuqqas ta’ mħabba, il-kriżi fil-fidi.
Il-kumpassjoni, flimkien maċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, flimkien mat-talb u l-meditazzjoni tal-Kelma t’Alla, kienu l-ikel sustanzjus li bihom kienet tiġi mitmugħa l-fidi tiegħu. Ma kienx bniedem maqtugħ mir-realtà tal-ħajja. Il-kontemplazzjoni tal-Kelma ta’ Alla fid-dawl tal-esperjenzi personali tiegħu ġagħluh jaffronta l-problemi tas-soċjetà ta’ żmienu u juri sens ta’ responsabbiltà f’li jħaddem il-grazzja li ngħatatlu għall-ġid tal-poplu afdat f’idejh.
Għal San Duminku ma kienx biżżejjed li jfittex lill-erwieħ jew li jikkonvertihom; huwa fittex li jerfagħhom min-niket u l-qtigħ il-qalb tagħhom. Għaldaqstant, bħal San Pawl huwa seta’ jgħid dwar Alla: “Hu jfarraġna fil-hemm kollu tagħna, biex aħna, permezz tal-faraġ li bih Alla jfarraġ lilna, nkunu nistgħu infarrġu lil dawk kollha li jinsabu f’kull xorta ta’ hemm.”[30]
Kien ukoll inissel fihom il-kuraġġ, jurihom li għandhom skop f’ħajjithom u dan l-iskop huwa l-qdusija, u dan iridu jwettquh b’responsabbiltà u bil-konvinzjoni li Alla huwa magħhom.
Din il-ħidma ma kienx jagħmilha biss ma’ dawk birdu fil-fidi, jew li tbegħdu minnha jew li saħansitra telquha għal kollox. Huwa għaraf li kien hemm nisa li kellhom grazzja speċjali u seħibhom fl-apostolat tiegħu; għalihom waqqaf erba’ monasteri (Prouille, Ruma, Bolonja u Madrid).
Kien hemm ukoll qassisin u lajċi, li kien ikellimhom bl-imħabba dwar il-Kelma ta’ Alla u li, msaħħrin wara l-ħegga u l-eżempju ta’ ħajtu, ħaddnu l-Ordni li huwa waqqaf: San Ġjaċint tal-Polonja u ħuh Ċeslaw, il-Beata Djana d’Andalò, il-Beata Ċeċilja, u tant u tant oħrajn.
San Duminku kellu wkoll il-kuraġġ li jippreżenta lill-professuri u lill-istudenti universitarji ta’ żmienu bl-akbar sfida ta’ ħajjithom: li l-ambizzjoni tagħhom li jilħqu u jagħmlu karriera fis-soċjetà jdawruha u jbiddluha f’ambizzjoni li jsalvaw lilhom infushom u li jirbħu oħrajn għal Kristu. Fost dawn ta’ min isemmi lill-Beatu Reġinald ta’ Orleans u l-Beatu Ġordan li, bħalma semmejt aktar qabel, inħatar warajh bħala mexxej ta’ l-Ordni u li hu nnifsu jikteb li kien iqerr għandu.[31]
San Duminku, bniedem ta’ faraġ jissokta jħeġġeġ il-Familja Dumnikana llum u, f’dan il-kas partikulari, f’pajjiżna. Jeħtieġ inkunu Familja Dumnikana biex inkunu predikaturi tad-demm u l-laħam, biex nifirħu f’dak Alla li ssieħeb fin-natura tagħna l-bnedmin.
Neħtieġu dawk is-sentimenti nobbli flimkien mal-intuizzjoni unika tal-qalb li bihom hi mżejna l-mara, sew jekk hija soru impenjata fl-apostolat kif ukoll jekk tinsab fis-skiet tal-monasteru.
Neħtieġu l-esperjenza ta’ koppji miżżewġa li jaqsmu magħna l-ferħ u t-tbatija f’li tnissel, tkabbar, u trawwem familja fis-soċjetà tal-lum bl-isfidi li tqiegħed quddiemna. Fis-soċjetà moderna li qegħdin ngħixu fiha llum San Duminku qiegħed isejħilna biex nissuktaw din il-ħidma kbira u nobbli tas-salvazzjoni.
Aħna msejħin biex flimkien inħaddnu l-ispirtu u t-tradizzjoni li ħallielna, biex nibnu flimkien il-komunitajiet tagħna fis-servizz ta’ Kristu fi ħdan il-Knisja. U hawnhekk tajjeb li nitħaddtu dwar ir-rabta ta’ San Duminku u ta’ l-Ordni li huwa waqqaf mal-Knisja li huwa qeda b’fedeltà u b’imħabba.
Fil-qalba tal-Knisja
San Duminku dejjem ħares lejn il-grazzja tal-predikazzjoni li ngħatatlu bħala grazzja fi ħdan il-Knisja biex iħaddimha għall-bini u t-tkabbir tagħha. Huwa għamel tiegħu t-twissija ta’ San Pawl lill-Korintin meta kitbilhom: “Ladarba intom imxennqin għad-doni spiritwali fittxu li timtlew sewwa bihom, imma dejjem għall-bini tal-Knisja.”[32]
Huwa għaraf x’kienu l-ħtiġijiet tal-Knisja fi żmienu u l-ħeġġa tal-Papiet biex iqajmu mill-ġdid il-ħajja nisranija. Dawn il-ħtiġijiet għamilhom tiegħu. Fuq hekk huwa kien igawdi l-fiduċja kemm tal-Papa Innoċenz III kif ukoll tas-suċċessur tiegħu il-Papa Onorju III.
Mhux ta’ b’xejn li f’wieħed mir-rakkonti dwar ħajtu, u li baqa’ jdawwal u jħeġġeġ ’l uliedu sal-lum, insibu miktub li waqt il-mawra tiegħu f’Ruma fl-1215 hu u jerfa’ t-talb tiegħu lejn Alla fil-bażilika ta’ San Pietru għall-ħarsien ta’ l-Ordni li kien għadu kemm waqqaf, jingħad li kellu dehra li fiha ra lill-Appostli San Pietru u San Pawl. San Pietru newwillu l-ħatar (simbolu tal-mixi tiegħu tul l-Ewropa jipprietka) filwaqt li San Pawl newwillu ktieb (simbolu tal-Evanġelju), u t-tnejn flimkien qalulu; “Mur u pprietka, għax Alla għażlek għal dan il-ministeru.” F’dak l-istess waqt dehrlu li qiegħed jara lil ħutu mxerrdin mad-dinja kollha, mexjin tnejn tnejn biex jipprietkaw lill-poplu ta’ Alla.[33]
Kien iż-żmien li fih kien qiegħed jitlaqqa’ l-Konċilju Lateran IV u San Duminku seta’ jara mexxejja tad-djoċesijiet mill-Ewropa tal-Lvant u minn dik tal-Punent kif ukoll mil-Lvant Nofsani jinġabru flimkien biex jitħaddtu dwar ir-riforma li kienet teħtieġ il-Knisja sabiex tkun xhieda tassew tal-missjoni afdata lilha minn Kristu.
Il-Papa Innoċenz III li laqqa’ dan il-Konċilju kien ħeġġeġ lil San Duminku biex flimkien miegħu jaqsam dak li San Pawl sejjaħlu “il-ħsieb tal-knejjes kollha”.[34] Meta l-Papa Onorju III kkonferma l-Ordni tal-Aħwa Predikaturi fit-18 ta’ Jannar 1217 huwa ta bidu għat-tħaddim ta’ dan il-proġett tiegħu.
F’dawn iż-żewġ mexxejja huwa ra bnedmin li kienu jieħdu l-uffiċċju tagħhom ta’ rgħajja bl-akbar serjetà. Kienu jħarsu lejn l-awtorità li kellhom bħala servizz, bħalma jwissi San Pietru fl-ewwel ittra tiegħu: “mhux billi taħkmu bil-qawwa fuq dawk li messewkom b’xortikom, imma billi tkunu ta’ eżempju għall-merħla.”[35]
Il-pożizzjoni li San Duminku kien jokkupa fi ħdan l-Ordni, kien jokkupaha fi ħdan il-Knisja u permezz tal-Knisja. Huwa ma kienx jaħdem għal rasu. Kien saċerdot b’livell akkademiku għoli ħafna. Ma ninsewx li f’dawk iż-żminijiet ma kienux jeżistu seminarji. Bħalma rajna diġà, ma kienx jeħtieġ min isuqu biex jistudja l-Kelma ta’ Alla u l-veritajiet tal-fidi li joħorġu minnha. Kemm-il darba ta prova tas-saħħa tad-duttrina li kien ixandar kif ukoll tal-qawwa tiegħu biex jikkonvinċi lil min kien qiegħed jisimgħu.
Bħala saċerdot u bniedem tal-Knisja huwa kien jaf x’inhuma r-responsabbiltajiet tiegħu u kien iwettaqhom bl-akbar serjetà.
Fl-istess waqt, bħalma diġà rajna, huwa għaraf iħaddem il-grazzja li ngħatatlu għall-qdusija u għas-salvazzjoni ta’ kulħadd. It-talba tiegħu biex l-Ordni tiegħu jitwaqqaf bħala Ordni tal-Predikaturi kien mument ta’ grazzja għall-Knisja.
Huwa għalhekk li l-uffiċċju tal-predikazzjoni ġie mgħoddi lill-Ordni mill-ogħla awtorità tal-Knisja u taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Għaliex? Għaliex San Duminku ma’ riedx li jipprietka minn wara dahar ir-rgħajja tal-Knisja. Huwa ried li l-approvazzjoni u l-konferma ta’ l-Ordni li waqqaf ikunu sinjal ċar tal-missjoni afdata f’idejh. Ried juri li l-ħidma tiegħu kienet timxi id f’id mat-tradizzjoni nisranija li tmur lura għal Żmien l-Appostli.
Min-naħa l-oħra l-Knisja, permezz tal-Papa, għarfet dan l-att ta’ ubbidjenza tiegħu u afdatlu f’idejh il-ministeru tal-predikazzjoni. Minn din ir-rabta qawwija mal-ġerarkija tal-Knisja San Duminku seta’ wkoll igawdi mill-esperjenza ta’ bnedmin imħarrġa fix-xjenzi ekkleżjastiċi li għarfu li dan kien tabilħaqq Duminku, jiġifieri, bniedem ta’ Alla, u mibgħut minn Alla, u li d-don li ngħatalu kien jidħol perfettament fil-qafas tal-missjoni tal-Knisja.
San Duminku ma riedx li l-predikazzjoni tkun xi ħaġa miżjuda u barranija għall-ħajja tal-Knisja. Ried li jkollha l-għeruq tagħha fil-liturġija u fil-ħajja sagramentali. Għalhekk huwa rabat il-predikazzjoni mas-sagrament tal-Penitenza, li jeħles lill-bniedem minn dnubietu, kif ukoll mas-sagrament tal-Ewkaristija li jġib l-għaqda ma’ Kristu u mal-Knisja. Minħabba f’hekk l-Ordni tagħna huwa ordni klerikali.[36]
Konklużjoni
X’inhu l-messaġġ li għandna niġbdu minn dan kollu għalina llum li qegħdin ngħixu f’dawn il-gżejjer fl-ewwel snin tas-seklu wieħed u għoxrin?
Din il-festa f’ġieħ Missierna San Duminku qegħdin niċċelebrawha hekk kif ġiet fi tmiemha s-sena dedikata lill-Appostlu tal-Ġnus, li kien hu l-ewwel li wasslilna l-Bxara t-Tajba tas-salvazzjoni. Għadna kif tajna bidu għaċ-ċelebrazzjoni tas-sena dedikata lis-saċerdoti. Din is-sena wkoll qegħdin niċċelebraw is-775 anniversarju mill-kanoniżżazjoni ta’ Missierna San Duminku, dak li l-Papa Girgor IX, sieħbu u ħabibu tal-qalb mar jgħid dwaru: “Naf li dan il-bniedem għadda ħajja kollha kemm hi appostolika, u ma għandix dubju li ssieħeb fil-glorja ta’ l-appostli fis-sema.”[37] Flimkien ma’ dan tal-aħħar qegħdin niċċelebraw l-440 anniversarju mit-twaqqif tal-komunità dumnikana tal-Belt Valletta.
Dawn huma erba’ ġrajjiet li lilna jġagħluna nagħmlu eżami tal-kuxjenza bħala saċerdoti, bħala reliġjużi, u bħala poplu nisrani.
Dawn il-ġrajjiet qegħdin niċċelebrawhom f’mument kruċjali fil-ħajja tas-soċjetà Maltija. Is-snin li ġejjin sa jkunu mumenti ta’ prova għall-fidi u għall-fibra morali ta’ pajjiżna. Sa jkunu mumenti ta’ deċiżjonijiet kbar li mbagħad, jekk neħduhom ħażin, ladarba nkunu ħadnihom, ma nkunux nistgħu nerġgħu lura minnhom.
Fid-dawl ta’ dak kollu li għadni kif għidt tajjeb li aħna wkoll bħala Maltin nagħmlu xi mistoqsijiet dwar il-ħajja u l-imġieba tagħna u kemm dawn jirriflettu l-wirt qaddis li ngħatalna kif ukoll dwar fejn irridu naslu.
Jeħtieġ nistaqsu lilna nfusna bħala nsara jekk wasalx il-waqt li nħarsu lejn artna stess bħala art missjunarja. Jeħtieġ nistaqsu jekk wasalx il-waqt li jixxandrilna mill-ġdid l-Evanġelju u li nilqgħu mill-ġdid il-Kelma ta’ Alla.
Jeħtieġ nistaqsu jekk serraħniex moħħna fuq l-imgħoddi u ma ndunajniex li l-fidi li rċevejna hi, biex nuża l-kliem ta’ San Pawl, “teżor li qiegħed għandna f’ġarar tal-fuħħar,”[38] u li malajr jista’ jintilef jew jitteħdilna.
Jeħtieġ nistaqsu jekk għamilniex wisa’ għall-kompromessi f’ħajjitna, kompromessi li ġabu magħhom kuntradizzjoni bejn il-fidi li nistqarru bil-fomm min-naħa u l-ħsieb u l-imġieba tagħna mill-oħra.
Jeħtieġ nistaqsu jekk il-mentalità li daħlet sew f’pajjiżna – biex ma nsejħilhiex ossessjoni – li rridu nkunu f’kollox bħal ħaddieħor, ġagħlitniex ninsew min aħna.
Jeħtieġ nistaqsu jekk din il-ħeġġa – biex ma nsejħilhiex ukoll ossessjoni – li nużaw lingwaġġ newtrali, hux qiegħed joħnoq il-lingwaġġ reliġjuż li huwa karatteristiku ta’ l-identità tagħna bħala Maltin.
Jeħtieġ nistaqsu jekk qatt daħlilniex f’rasna l-ħsieb li qegħdna fil-periklu il-prinċipji morali tagħna; li, jekk sa nħallu l-bieb ta’ barra ta’ darna mbexxaq, allura stajna ħallejnih miftuħ beraħ.
Is-soċjetà tal-lum għandha d-dritt tagħmel mistoqsijiet skomdi lir-rgħajja u lill-għalliema tal-Knisja, imma mbagħad għandha wkoll thejji ruħha biex tisma’ tweġibiet skomdi. Il-Knisja tgħallem dak li hu meħtieg għas-salvazzjoni tagħna u dan it-tagħlim mhuwiex neċessarjament dak li nixtiequ nisimgħu jew li jdoqq għal widnejna. U m’għandniex nippretendu li niddettawlha aħna liema huma s-suġġetti li dwarhom għandha titħaddet u dawk li dwarhom fil-fehma tagħna trid żżomm ħalqha magħluq.
Min-naħa l-oħra il-ħajja u l-ħidma ta’ San Duminku għandha tkun dawl għall-Knisja f’pajjiżna hi u taqdi l-missjoni tagħha. Ma nistgħux inserrħu rasna fuq il-glorji tal-imgħoddi. Dak li ilu s-snin li beda jseħħ barra minn xtutna issa qiegħed iħabbat il-bibien ta’ pajjiżna.
Bħala Knisja rridu nuru li l-messaġġ tal-Evanġelju kien, għadu, u jibqa’ relevanti għall-ħajja tal-bniedem. Irridu naffrontaw bil-fidi u bil-kuraġġ l-isfidi li għandna quddiemna. Dan jitlob formazzjoni mill-qiegħ f’dak li għandu x’jaqsam mal-katekeżi u l-predikazzjoni tagħna.
Għaxar snin ilu kien ingħata bidu għas-Sinodu Djoċesan (li ntemm fis-sena 2003). Kien mument qawwi ta’ eżami ta’ kuxjenza u fl-istess waqt kien mument ta’ barka. Fid-dokumenti li nħarġu stajna nammiraw ir-rikkezza spiritwali, kulturali u intellettwali tal-kattoliċiżmu Malti u dan jawgura tajjeb għall-Knisja fil-ġejjieni: Knisja li trid tkun ħajja u kreattiva fi ħdan is-soċjetà li qegħdin ngħixu fiha u li magħha trid tkun fi djalogu kontinwu. Knisja mingħajr movement hija Knisja bla ħajja, filwaqt li Knisja mingħajr struttura hija Knisja bla sinsla. Din hija t-tensjoni li żammet u tibqa’ ssostni l-Knisja tul iż-żminijiet: Il-Knisja fi £sieb San Pietru u San Pawl.
Bħal San Duminku rridu nagħrfu li bħala komunità nisranija rridu nkunu komunità profetika u apostolika. F’soċjetà li għaddejja minn kriżi ta’ valuri, f’soċjetà fejn qiegħed jibda jinħass vojt kbir fejn qabel kien hemm Alla, bħal San Duminku rridu nuru li l-bniedem għandu dinjità u din id-dinjità tahielu Alla li sawru xbieha tiegħu u fdieh permezz ta’ Ibnu. Mhux talli l-fidi nisranija ma tmurx kontra d-drittijiet tal-bniedem, talli hi stess turih li għandu drittijiet minħabba d-dinjità li tah Alla. Imma dawn id-drittijiet imorru id f’id ma’ responsabbiltajiet. Minn dan jingħaraf il-kobor tal-bniedem u l-għan tiegħu.
Bħala komunità nisranija rridu nuru li l-bniedem tal-lum m’għandux jiġi stmat skond dak li jirnexxielu jipproduċi; li l-familja – l-omm, il-missier, l-ulied – hija l-ambjent naturali li fih wieħed jibda jitgħallem iħobb; li ġesti żgħar ta’ kuljum jistgħu ikunu l-isbaħ prietka li tqanqal it-tama f’dawk li jħossuhom imwarrba. Bħal San Duminku aħna lkoll imsejħin biex nilqgħu u nħaddmu il-grazzja tal-predikazzjoni.
Għalhekk xieraq li ndawru ħarsitna lejn dan il-qaddis u ntennulu dik it-talba sabiħa li li tingħad fil-liturġija dumnikana fi tmiem il-jum, filwaqt li nagħmluha tagħna lkoll:
O tama tal-għaġeb li tajthom
’l uliedek li kienu jibkuk:
wegħidthom li wara l-mewt tiegħek,
għajnuna fis sema jsibuk.
Żomm kelmtek, Missier, tama tagħna,
kun fostna u kull ħin ieqaf magħna.
Int kont wisq tal-għaġeb f’għemilek,
fejjaqt lil kull xorta ta’ mard:
hekk niżżel il-barka ta’ Kristu
fuq din il-familja li ġbart
Żomm kelmtek, Missier, tama tagħna,
kun fostna u kull ħin ieqaf magħna.
Joseph Ellul O.P.
2 t’Awwissu 2009
[1] Ara Mt. 5:17.
[2] 1 Kor. 1:24.
[3] Mk. 16:15.
[4] Is. 43:5. Ara wkoll Is. 41:10; Ġer. 1:7-8.
[5] Lq. 5:10.
[6] Lq. 1:30.
[7] Atti 23:11.
[8] Fil. 4:13.
[9] Mt. 10:20.
[10] Is. 6:5.
[11] 1 Kor. 15:10.
[12] 1 Tess. 3:13.
[13] Onorju III, Ittra lil San Duminku u ’l ħutu, 18 ta’ Jannar 1217.
[14] Prologu tal-Ewwel Kostituzzjonijiet.
[15] Beatu Ġordan ta’ Sassonja, L-Ewwel Żminijiet ta’ l-Ordni tal-Predikaturi (Traduzzjoni u noti ta’ Val. V. Barbara), Pubblikazzjonijiet Dumnikani, Malta 1991, n. 105.
[16] Gal. 2:19b-20.
[17] 1 Kor. 1:23.
[18] Beatu Ġordan ta’ Sassonja, op. cit., n. 105.
[19] Ġw. 20:28
[20] Xhieda ta’ Fra Ġwann ta’ Spanja, Proċess tal-Kanoniżżażjoni ġewwa Bolonja, n. 29.
[21] Ef. 3:18b.
[22] Xhieda ta’ Fra Bonaventura ta’ Verona, Proċess tal-Kanoniżżazjoni ġewwa Bolonja, n. 3.
[23] Beatu Ġordan ta’ Sassonja op. cit., n. 104.
[24] Regola ta’ S. Wistin, Introduzzjoni. Ara wkoll Atti. 4:32 u l-Prologu tal-Ewwel Kostituzzjonijiet.
[25] Atti. 6:4.
[26] Xhieda tal-Abbati Guliermu Peyre, Proċess tal-Kanoniżżażjoni ġewwa Toloża, n. 18.
[27]Beatu Ġordan ta’ Sassonja op.cit., n.107.
[28] Ara S. Tumas, Summa Theologica, IIa IIae, q. 39 art. 1 ad 3.
[29] 1 Tim 1:8b.12.
[30] 2 Kor. 1:4.
[31] Ara Beatu Ġordan ta’ Sassonja, op.cit., n. 3
[32] 1 Kor. 14:12.
[33] Kostantinu ta’ Orvieto, Legenda, n. 25.
[34] 2 Kor. 11:28.
[35] 1 Pt. 5:3
[36] Ara Kostituzzjoni Fundamentali, n. VI
[37] Beatu Ġordan ta’ Sassonja, op.cit., n. 25.
[38] 2 Kor. 4:7.